Raġel ta’ 56 sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ vjolenza domestika fuq martu u l-kunjata tiegħu.
Fil-Qorti nstema’ kif kienet oħt il-mara tal-imputat li rrappurtat l-allegat inċident ta’ vjolenza domestika lill-Pulizija, hekk kif iż-żewġ nisa qatt ma riedu jirrappurtaw.
ONE News huwa nfurmat li dwar dan il-każ, l-allegat vittmi ma jridux jixhdu kontra l-akkużat.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech esprimiet ir-rabja tagħha lejn din l-attitudni min-naħa taż-żewġ nisa, hekk kif minkejja l-appelli minn bosta għaqdiet u persuni fis-soċjetà, xorta għadhom iseħħu każijiet bħal dawn.
Stqarret kif minkejja li l-Pulizija għamlet xogħlha, ħadd ma jista’ jipproteġi lill-mara u ommha jekk huma jirrifjutaw li jixhdu kontra l-allegat aggressur tagħhom.
Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest tal-imputat, hekk kif innutat li aktar kuntatt mal-allegat vittmi jfisser inqas ċans li dawn jixhdu.
Il-Maġistrat temmet tgħid li meta jasal iż-żmien li ż-żewġ nisa jerġħu jidhru quddiem il-Qorti, dawn għandhom jaħsbu sew fuq l-aġir tagħhom, hekk kif il-konsegwenzi li ma jikkoperawx mal-ġustizzja huma serji ferm.