Mara u binha li kienu qed jivvjaġġaw lejn Lyon spiċċaw fil-kustodja tal-Pulizija, wara li l-ħaddiema tal-ajruport sabuhom fil-pussess ta’ dokument falz u €45,000 fi flus kontanti.
Saifeddine Oueslati ta’ 31 sena u ommu ta’ 63 sena, Najoua Ajmi Ep Oueslati, Tuneżini li jgħixu l-Belt Valletta, kienu qed jippjanaw li jitilgħu fuq titjira lejn Lyon, Franza, nhar il-Ħadd li għadda.
Iżda ħaddiema tal-ajruport innotaw boarding pass suspettuż, u r-ritratt fuq il-karta tal-identità tal-mara qajjem suspetti dwar l-awtentiċità ta’ dan id-dokument.
Ir-raġel sostna li ommu ma kienet taf xejn dwar dan id-dokument li kien ipprovidilha hu stess, u stqarr mal-Pulizija li kellu diversi pakketti ta’ flus kontanti fil-pussess tiegħu.
It-tnejn ittieħdu taħt arrest, iżda sadanittant, l-omm kellha tiddaħħal l-isptar għall-kura medika.
Aktar tard, il-flus kontanti ġew magħduda fil-preżenza tal-akkużat, uffiċjali mit-taqsima tar-Reati Finanzjarji kif ukoll uffiċjal tad-Dwana. L-ammont kien jammonta għal €45,000, ferm ogħla mil-limitu ta’ €10,000 li hija s-somma massima li passiġġier jista’ jġorr.
Kemm l-omm kif ukoll it-tifel tressqu l-Qorti lbieraħ. Ir-raġel kien mixli li naqas milli jiddikjara l-flus kontanti żejda, li għen lil ommu meta kien qed jivvjaġġa barra minn Malta bi ksur tal-liġijiet tal-immigrazzjoni, kif ukoll li kien reċediv. L-omm ġiet akkużata li kellha fil-pussess tagħha u li kienet qed tuża dokument falz, li għamlet dikjarazzjoni falza lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni u li kisret l-Att dwar l-Immigrazzjoni.
It-tnejn ammettew l-akkużi. Il-Qorti tat lill-mara sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Fir-rigward ta’ binha, l-avukati tiegħu infurma lill-Qorti li f’dak l-istadju ma kinux qed jitolbu l-libertà proviżorja, iżda kellhom l-intenzjoni li jagħmlu sottomissjonijiet dwar il-piena.
Il-Qorti ddifferiet il-każ għal Jannar biex is-sentenza tingħata ladarba dawk is-sottomissjonijiet ikunu saru.