Mara ta’ 30 sena mill-Imsida weġġgħet gravi wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fl-Imġarr.
Il-każ seħħ is-Sibt fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija fi Triq Sir Temi Zammit.
Jidher li l-mara li kienet qed issur karozza tat-tip Volkswagen Polo tilfet il-kontroll u ħabtet ġo faċċata ta’ dar, ma’ karru ta’ dgħajsa u karozza tat-tip Renault Captur li kienu pparkjati.
Minħabba dan l-inċident, il-karru tad-dgħajsa li kien imqabbad ma’ karozza Suzuki Santana baqa’ dieħel ġo drive-in ta’ garaxx filwaqt li r-Renault spiċċat f’nofs tat-triq.
Il-vittma ngħatat l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta