Mara ta’ 43 sena residenti Ħal Tarxien ġarrbet ġrieħi gravi wara li kienet involuta f’inċident f’Ħal Tarxien stess.
Il-każ seħħ dalgħodu għall-ħabta tas-sebgħa u kwart fi Triq id-Dejma.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-mara kienet qiegħda ssuq Toyota Aygo, tilfet il-kontroll u daħlet ġo trakk li kien ipparkjat.
Il-mara ngħatat l-għajnuna minn tim mediku, ittieħdet l-isptar b’ambulanza u ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.