Mara ta’ 61 sena li tgħix Ħaż-Żabbar, li kienet passiġġiera f’karozza, weġgħet gravi wara inċident tat-traffiku f’Ħal Luqa.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar fi Triq San Tumas.
Fuq il-post marru l-Pulizija li mill-ewwel stħarriġ irriżultat li raġel ta’ 65 sena li jgħix Ħaż-Żabbar, tilef il-kontroll tal-karozza li kien qed isuq u ħabat ġo arblu.
Huma ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif, waqt li l-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.