Mill-anqas disa’ persuni inqatlu u sebgħin sfaw feruti f’attakk b’missili u drones Russi fuq il-belt kapitali Ukrena Kyiv matul il-lejl.
42 minn dawk feruti kienu rikoverati fl-isptar inkluż sitt itfal u l-uffiċjali rrappurtaw li fost dawk feruti kien hemm mara tqila.
L-attakki li bdew l-Erbgħa filgħaxija komplew sas-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu u kkawżaw danni kbar f’diversi distretti tal-belt kif ukoll skattaw diversi nirien.
Il-kap tal-amministrazzjoni militari tal-belt ta’ Kyiv Timur Tkachenko qal li l-belt sfat attakkata b’missili ballistiċi minn direzzjonijiet differenti fejn iddeskrieva l-attakk bħala “Il-paċi tar-Russja fil-glorja kollha tagħha”.
Il-Ministeru tad-Difiża Russu għadu ma kkumentax dwar dan l-aħħar attakk fejn dawn dejjem innegaw li deliberament attakkaw siti ċivili matul il-kunflitt.