Mara tqila ħafret lis-sieħeb tagħha, Maċedonjan ta’ 40 sena, mixli li kkaġunalha feriti ħfief u li kkawżalha biża’ li se juża l-vjolenza kontriha, kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-Qorti.
L-argument beda meta l-akkużat ipprepara l-ikel lis-sieħba, u din ma ħaditx gost, hekk kif qalet li kienu fdalijiet.
Il-mara, talbet lill-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, twaqqaf il-proċeduri u xehdet dwar kif hija tqila b’wild ieħor. Hawn żiedet tgħid li hija temmen li ġie ddrogat, u qalet li m’għandha bżonn ebda protezzjoni mill-Qorti.
Is-sieħba, qalet li n-nies ta’ madwarhom ma jriduhomx flimkien, u kien għalhekk li qalet li temmen li xi ħadd kien tah xi sustanzi biex jaġixxi b’dan il-mod – hekk kif hija trid tibqa’ miegħu.
Hija qalet ukoll li huma għandjom tlett itfal flimkien, filwaqt li qalet li r-relazzjoni tagħhom issa hija tajba.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Christian Cauchi, spjegat kif wara żewġ rapporti li għamlet, huwa arresta lill-imputat, li meta mar jarrestah fl-appartament tiegħu, huwa kien mas-sieħba.
B’hekk il-Qorti ordnat il-waqfien tal-proċeduri u r-rilaxx tar-raġel mid-detenzjoni tal-Pulizija. Dan filwaqt li ġie ordnat divjett fuq il-pubblikazzjoni ta’ isem ir-raġel u l-mara.
Id-difiża tmexxiet mill-Avukat Francesca Zarb, filwaqt li għas-sieħba deher l-Avukat Andre Borg.