Mara ta’ 38 sena minn San Ġiljan mietet wara aċċident ambigwu meta ntlaqtet mill-karozza tagħha stess għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ filgħaxija fi Triq Birkirkara, San Ġiljan.
ONE News informat li l-mara, li kellha lil bintha ta’ 6 snin fil-karozza, aktarx kienet qed tipprova twaqqaf il-karozza milli timxilha wara allegatament ma tellgħetx il-handbrake sew qabel ħarġet minnha. Il-parti tat-triq fejn seħħ l-aċċident qegħda għan-niżla.
Fuq il-post wasal minnufih tim mediku li taha l-ewwel għajnuna, iżda hi sfortunatament ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mill-maġistrat tal-għassa filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.