Mara ta’ erbgħa u disgħin sena nstabet mejta f’darha fi Triq Antonio Sciortino fl-Imsida wara li ġiet attakata minn żewġt iklieb tar-razza pitbull. Hija kif ukoll kelb ieħor ġew iċċertifikati mejta fuq il-post.
Hija nstabet mejta għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar.
ONE News jinsab infurmat l-mara nstabet bi grieħi serji f’saqajha u grieħi f’wiċċha u f’għonqha. Infurmati li nstabet fil-bitħa tad-dar.
Dan is-sit jinsab infurmat ukoll li l-anzjana kienet toqgħod mal-qraba tagħha, għal xi raġuni ż-żewġ pitbulls li kienu joqogħdu f’parti tad-dar attakaw lil mara u kelb ieħor tar-razza chihuahua.
Fuq il-post issejħet l-għajnuna ta’ tim mediku mill-isptar Mater Dei, membri tal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija. Kien hemm ukoll membri tal-Animal Welfare fejn dehru joħorġu xi klieb mid-dar.
Xhieda fuq il-post qalu lil one.com.mt li l-ġirien semgħu xi għajjat u ċemplu għall-għajnuna.
Dwar dan il-każ infeħtet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Charmaine Galea.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.