Mara ta’ 57 sena, li taħdem bħala kaxxiera f’banka tal-lottu fi Triq Dun Karm, Birkirkara ttieħdet l-isptar Mater Dei għal osservazzjoni wara li l-post kien fil-mira ta’ serqa.
Fi stqarrija tal-Pulizija ntqal li ġiet infurmata bis-serqa għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar. Minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel mgħammad allegatament armat b’sikkina, daħħal idu mit-tieqa u ħataf xi flus kontanti mingħand il-mara.
Ir-raġel ħarab minn fuq il-post ftit wara bil-pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-ħalliel. Tim mediku assista lill-mara li ttieħdet permezz t’ambulanza l-isptar għal osservazzjoni.
Il-Maġistrat Philip Galea Farruġia ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.