Mara taħdem f’ħanut tax-xorb li tul is-snin dejjem kien iddominat mill-klijenti rġiel.
Ġuża Zarb ilha taħdem f’ħanut tax-xorb fil-Mellieħa għal sebgħin sena.
Hija spjegatilna kif il-ħanut kien intiret minn ġenerazzjoni għall-oħra u bdiet titrawwem fil-ħanut tax-xorb mal-ġenituri tagħha biex eventwalment xtrat il-ħanut u bdiet taħdem għal rasha: “Minn meta kelli tmien snin… magħhom kont. Imbagħad bqajt, imbagħad mituli l-ġenituri, f’salt, f’seba’ xhur u xtrajtu m’għand ħuti.”
Ġuża qaltilna wkoll li l-ħanut ilu miftuħ għal għexieren ta’ snin: “Jien naħseb ilu miftuħ, jekk mhux qabel il-Knisja, naħseb xi 120 sena, bejn wieħed u ieħor tan-nanniet ta, għax imbagħad fil-familja tiegħi, jiġifieri t’ommi u ta’ missieri ilu sebgħin sena.”
Kif wieħed jista’ jobsor, f’ħanut tax-xorb rat episodji kkuluriti ferm.
Hija rrakkuntatilna: “Darba ġie Ingliż kien fis-sakra u ġie hawn u mar il-każin, u reġa’ ġie hawn, imbagħad reġa’ mar il-każin u ġabulu l-Pulizija u kien ġabruh il-Pulizija niftakar, qisu daqs tmien snin ilu.”
Issemmi wkoll klijenti li kienu tar-ruħ u jaqilgħu u jieklu.
Darba minnhom ma rritornawx għall-qatra fil-ħanut ta’ Ġuża: “Kienu żewġ ġuvnotti ferriħin, hekk u kienu ħarġu fuq il-baħar, kien għandi jkun fi Frar u marru għal xi ħut u ma nstabux u wara tliet ġimgħat instabu mejtin.”
Ġuża esprimiet magħna x-xewqa tagħha li tħalli l-ħanut f’idejn uliedha u t-tfal tagħhom: “Hekk il-ħsieb tiegħi, issa kif jgħiduha, min jixtieq jieħdu, jieħdu hux. Issa ma nafx jien x’ħa jsir wara mewti.”
B’dan il-kliem, lil Ġuża ħallejnieha tkompli tipprepara l-ħanut biex ikun lest biex jilqa’ l-klijenti.