Mara ta’ 52 sena minn Bormla nżammet arrestata wara li l-Pulizija qabduha fil-fatt tarmi droga mill-vettura tagħha fil-Marsa, waqt li wkoll instabu oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga.
Fil-Qorti ġie spjegat kif uffiċjali kienu qed jagħmlu diversi rondi fil-Marsa fejn innotaw vettura li bdiet tinstaq b’veloċità eċċessiva, waqt li meta pprovaw iwaqqfuha, il-mara, li kienet qed issuqha, kompliet tagħfas il-gass u anke dehret tarmi xi affarijiet mit-tieqa, li wara rriżultat li hi kokaina.
Il-Pulizija rnexxielhom iwaqqfuha fil-Marsa, iżda l-ewwel irrifjutat tinżel mill-vettura u wara reġgħet ħarbet minn fuq il-post.
Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li l-Pulizija spiċċaw irażżnuha f’Ħal Tarxien fejn mill-vettura ġew elevati sustanza kannella, miżien u anke elf u erba’ mitt ewro fi flus kontanti.
Il-mara wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha, bil-Maġistrat Noel Bartolo jordnalha li tinżamm fit-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Carmeli.