Riccarda Aigbe, Awstrijaka ta’ 42 sena nżammet arrestata wara li tressqet il-Qorti mixlija b’serq fuq anzjan ta’ 72 sena, wara li hu kien taha kenn f’daru. Il-mara ġiet mixlija wkoll li tgħix ħajja ta’ għażż.
L-allegat serq ta’ mobile u ammont ta’ flus seħħ fid-9 ta’ Novembru li għadda. Hija ġiet arrestata ilbieraħ wara li ntlemħet minn pulizija tal-komunità.
Il-mara kienet ħarbet mid-dar wara l-allegat każ u ma deheritx aktar.
Fil-Qorti ntqal ukoll li l-anzjan kien sab lil mara tistaħba fi Triq is-Serkin il-Marsa, u meta kkonfrontaha tatu l-mobile lura u ħarbet tiġri wara li qalilha li kien se jċempel lill-pulizija.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat hekk kif il-mara m’għandhiex indirizz fiss filwaqt li hija wriet ix-xewqa li titlaq minn Malta.