Dalgħodu, għall-ħabta tad-disgħa neqsin kwart (0845hrs), seħħ inċident tat-traffiku fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat, Għawdex.
Il-Pulizija mill-Għassa tar-Rabat marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li mara ta’ 80 sena, residenti l-Għasri, għal xi raġuni sfat milquta minn vettura tat-tip Toyota misjuqa minn raġel ta’ 68 sena residenti Għajnsielem.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura meħtieġa. Iktar tard hija ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Iktar tard wara nofsinhar ġie ikkonfermat li l-mara sfortunatament tilfet ħajjitha.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr P Coppini LLD. li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.