Mara ta’ disgħa u tletin sena weħlet tlett snin ħabs wara li frodat Libjan biex jieħu sehem f’negozju li qatt ma sar. F’Novembru t’erba’ snin ilu, l-akkużata Joanne Sciberras kienet talbet lil ħabib Libjan tagħha, li kienet ilha tafu għal għoxrin sena, biex isellifha xi flus ħalli tkopri xi spejjeż tal-VAT fuq kontejner mimli xorb.
Il-Libjan ta lil mara s-somma ta’ elfejn u erba’ mitt ewro filwaqt li mill-bejgħ tax-xorb, il-mara kienet qaltlu li l-qliegħ kien se jinqasam bin-nofs. Saħansitra r-raġel iffirma ċekk t’erba’ t’elef ewro għal mara iżda fix-xhur ta’ wara l-konsenja tax-xorb ma waslitx.
Fil-Qorti l-mara ammettiet li mill-erba’ t’elef li ta l-Libjan hija xtrat xi ħwejjeġ u rigali minn Katanja. Fid-dawl li l-mara finanzjarjament tinsab falluta u ma tistax tirrifondi l-flus, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech imponiet sentenza ta’ priġunerija.