Tliet persuni, żewġ Libjani u tfajla Maltija ġew arrestati u se jitressqu l-Qorti fin-12:30pm mixlija bi ħtif ta’ Lebaniża ta’ 50 sena.
Fi stqarrija l-pulizija qalet li ħidma delikata mill-Pulizija ta’ Kontra l-Vizzji, tar-Reati Maġġuri, tad-Distrett tal-Imsida u tar-Rapid Intervention Unit (RIU), wasslet biex mara ta’ 50 sena li nħatfet minn darha fl-Imsida, instabet qawwija u sħiħa f’appartament f’Buġibba.
B’rabta ma’ dan il-każ, ġew arrestati żewġt irġiel Libjani ta’ 43 u 36 sena u Maltija ta’ 22 sena.
Il-pulizija qalet li s-Sibt li għadda, f’xis-7pm, il-Pulizija rċeviet telefonata d-Depot minn raġel jirrapporta li Libjan għamel kuntatt miegħu u heddu li jekk ma jħallasx somma flus, mhux se jara iżjed lil ommu.
Sa tliet sigħat u nofs wara, il-pulizija rnexxielha tarresta iż-żewġ Libjani f’tas-Sliema u ftit wara l-11pm, il-pulizija sabet lil mara maħtufa, li allegatament kienet qed tinżamm mit-tfajla Maltija.
Il-mara maħtufa nżammet f’appartament fi Triq Barnaba, f’Buġibba.
It-tliet persuni arrestati ttieħdu l-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Floriana, waqt li l-vittma ngħatat kura f’ċentru tas-saħħa.
Il-vittma qiegħda tingħata wkoll assistenza mill-Victim Support Unit tal-Korp tal-Pulizija.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali.