Raġel Malti ta’ għoxrin sena li joqgħod iż-Żejtun jinsab arrestat b’rabta mal-omiċidju ta’ Pollakka f’Tas-Sliema. Fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija intqal kif il-ġuvni ta’ għoxrin sena huwa suspettat li wettaq dan il-qtil makabru ta’ Pollakka ta’ 29 sena.
Kmieni l-Ħadd filgħodu l-vittma nstabet mejta fi ġnien pubbliku f’Tas-Sliema.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News, li kien l-ewwel fuq il-post, persuna oħra li kienet miexja għall-ħabta tas-06:20 ta’ filgħodu indunat bil-katavru fi Ġnien l-indipendenza.
Mhux magħruf x’wassal għall-mewt tal-mara iżda persuna li tkellem ma’ ONE News qal li l-mara setgħet ġiet abbużata sesswalment u nstabet kważi bla ħwejjeġ, madankollu nifhmu li l-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija se jitfgħu dawl fuq il-kawża tal-mewt tal-mara.
Jidher ukoll li l-mara sofriet ukoll diversi ġrieħi f’rasha.
Aktar kmieni, il-kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani spjega wkoll li fuq il-persuna nstabu d-dokumenti tagħha.
Huwa spjega wkoll li fl-aħħar ħinijiet il-Pulizija stabbilixxiet li dan x’aktarx kien omiċidju filwaqt li identifikat l-allegat aggressur li huwa Malti. Bħalissa huwa qed jiġi interrogat u qed jiġi miżmum fid-Depot tal-Pulizija għal aktar interrogazzjonijiet.
Fuq il-post issejħet ambulanza b’tim mediku mill-isptar Mater Dei madankollu l-mara ġiet ċċertifikata mejta ftit wara fuq il-post.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali u fuq il-post hemm esperti forensiċi.