Sandra Ramirez, Kolombjana ta’ 43 sena, inqatlet b’daqqiet ta’ sikkina f’kamra tas-sodda f’appartament li kienet qed tgħix fih fi Triq George Borg f’Tas-Sliema.
Dan it-tieni omiċidju tas-sena, seħħ is-Sibt filgħodu wara li l-allegat aggressur, Kolombjan ta’ 43 sena, għall-ħabta tas-sitta u kwart mar fl-għassa tal-Pulizija Tas-Sliema u ta ruħu b’idejh. Hemmek, bid-demm evidenti fuqu, huwa qal li kien għadu kemm qatel persuna u ġie arrestat bħala s-suspettat ewlieni ta’ dan id-delitt. Wara ttieħed fid-Depot fil-Furjana għal aktar investigazzjoni.
Minn hemmek il-Pulizija marru fl-appartament li kien indikalhom l-allegat qattiel u sabu lill-mara bla ħajja fuq is-sodda b’daqqiet ta’ sikkina evidenti ma’ ġisimha. Kien tim mediku li ssejjaħ fuq il-post li ċċertifika lill-vittma mejta fuq il-post.
Il-Kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani qal li s’issa l-Pulizija għadha qed tisabilixxi x’kienet ir-relazzjoni bejn il-vittma u l-aggressur, iżda l-Pulizija ċċarat li fil-jiem jew xhur li għaddew ma sar l-ebda rapport, kemm mill-vittma u kemm mill-aggressur, dwar xi allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika fil-konfront ta’ xulxin.
Fuq il-post kien hemm numru ta’ uffiċjali minn taqsimiet differenti fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, fosthom dawk tal-RIU, tal-Forensika, tad-Distrett u tal-Omiċidji u Reati Maġġuri.
Għal dan il-każ infetħet Inkjesta Maġisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco.
Dan l-istazzjon jinsab infurmat li l-vittma kienet taħdem bħala sales representative f’ħanut f’Tas-Sliema. Hija ngħatat il-permess ta’ residenza f’Ottubru tal-2022, filwaqt li l-allegat qattiel ingħatalu f’Jannar tal-2023.
Fis-sigħat li ġejjin, il-Pulizija mistennija tressaq lir-raġel taħt arrest il-Qorti, biex b’hekk tkun solviet dan it-tieni omiċidju li seħħ f’anqas minn ħimstax mill-bidu ta’ sena ġdida.
L-ewwel vittma huwa Eric Borg li nqatel fl-ewwel jum tas-sena fir-Rabat, bil-pulizija diġà xliet lil Noel Azzopardi bħala l-allegat qattiel.