Mara ndarbet gravi wara li ntlaqtet minn vettura fil-Ħamrun.
L-inċident seħħ illum għall-ħabta tal-ħamsa u nofs fi Triq Lunzjata, il-Ħamrun.
Il-Pulizija tad-distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li mara ta’ 51 sena, residenti l-Msida, għal xi raġuni, sfat milquta minn vettura tat-tip Suzuki Alto li kienet qegħda tinstaq minn mara ta’ 19-il sena li toqgħod Pembroke.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard, hija ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.