Ungeriża ta’ 45 u li toqgħod San Pawl il-Baħar sofriet ġrieħi gravi wara li kienet involuta f’argument f’San Pawl il-Baħar stess.
Fis-sigħat bikrin tal-Ħadd, għall-ħabta tal-kwarta, il-Pulizija ġiet informata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa residenza fi Triq il-Majjiera, minħabba li kien seħħ argument bejn xi persuni.
Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel ta’ 43 sena mill-Islovakja u l-mara kellhom argument ma’ raġel ta’ 26 sena mill-Maċedonja.
Ir-raġel ta’ 26 sena tefa’ oġġett iebes lejn iż-żewġ persuni l-oħra u laqat lill-mara. Huwa ttieħed il-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għall-aktar stħarriġ.
Il-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei għal aktar kura fejn ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.