Mara indarbet gravi wara inċident tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart ta’ waranofsinhar fi Triq Burmarrad.
Minn investigazzjoni preliminari rriżulta li mara ta’ 51 sena residenti San Pawl il-Baħar stess intlaqtet minn mutur tal-għamla Yamaha, li kien qed jinstaq minn raġel ta’ 31 sena residenti Ħaż-Żebbuġ.
Iż-żewġ persuni ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard, l-mara ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi, filwaqt li s-sewwieq tal-mutur sofra ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.