Mara li kienet mistiedna f’tieġ ammettiet li serqet kważi €700 minn flus li ngħataw bħala rigal lill-koppja. Din ingħatat libertà kkundizzjonata wara li qalet fil-Qorti li tat dawn il-flus lura.
Roanna Mallia ta’ 28 sena mill-Mellieħa tressqet il-Qorti akkużata li serqat flus kontanti minn tieġ li sar f’lukanda f’San Pawl il-Baħar. Kienet akkużata wkoll li kissret il-kundizzjonijet tal-libertà kkundizzjonata li ngħata lura fl-2016 fuq akkużi ta’ serq.
Jidher li l-Pulizija ssejħu fuq il-post hekk kif l-akkużata ntlemħet tieħu xi affarijiet mill-ġewlaq tar-rigali tal-koppja waqt it-tieġ, lura fit-23 ta’ Settembru.
L-Ispettur Maurice Curmi, li kien preżenti fl-awla, qal li l-akkużata rritornat il-flus lura, filwaqt li din ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha.
Hija ngħatat libertà kkundizzjonata għal perjodu ta’ tliet snin.