“Mara ta’ prinċipji sodi u għerf kbir li l-bieb tagħha kien dejjem miftuħ għaż-żgħir.”
Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ddeskriva lin-Nutar Myriam Spiteri Debono, hekk kif it-Tlieta filgħaxija, il-Partit Laburista fakkar il-45 sena mill-kisba tal-Ħelsien tal-31 ta’ Marzu tal-1979, biswit il-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu.
Il-Prim Ministru sostna dan ftit wara l-aħbar li l-Gvern u Oppożizzjoni qablu dwar in-nomina tan-Nutar Spiteri Debono biex tkun President.
“Għada l-Parlament jivvota għall-ewwel darba b’din il-liġi ġdida. U kemm jien kburi li se nivvotaw biex Miriam Spiteri Debono tkun il-President tar-Repubblika ta Malta. It-tielet president mara, u l-ewwel president mara Għawdxija. In-Nutar Spiteri Debono, kif ħafna minnha nafuha, wild ta’ dan il-partit, iżda fuq kollox wild denju tal-istat Malti. Mara ta’ prinċipji sodi u għerf kbir li l-bieb tagħha kien dejjem miftuħ għaż-żgħir.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’dan id-diskors, il-Prim Ministru fakkar kif din iċ-ċelebrazzjoni tfakkar il-ħolma tal-Maltin li jkunu indipendenti. Fil-fatt, hawn il-Prim Ministru rrimarka t-twemmin li ħaddnu l-Maltin tul dan iż-żmien, dak tal-paċi. Twemmin li r-relevanza tiegħu tispikka aktar illum il-ġurnata hekk kif sostna li qatt daqs illum f’pajjiżna m’hu mħaddan il-prinċipju tan-newtralità.
“Jien mhux se nitlef ġurnata waħda biex nagħmel minn Malta forza favur il-paċi fid-dinja. Għax biex taħdem favur il-paċi u n-newtralità, trid tkun tħobb lil għajrek bil-fatti. Mhux bil-kliem jew bir-ritratti. Taħdem għall-paċi meta ġġib in-nies madwar mejda; mhux tittallab għat-tankijiet tal-gwerra.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan id-diskors mill-Prim Ministru ħabat sentejn wara li l-poplu ta l-akbar mandat elettorali lill-Partit Laburista. F’dan id-diskors pożittiv, il-Prim Ministru tkellem dwar it-tliet snin li ġejjin f’din il-leġiżlattura.
“Fit-tliet snin li ġejjin ser taraw l-enerġija tagħna tirdoppja, biex inwettqu l-miri tagħna. Il-miri soċjali, ekonomiċi u ambjentali. Ser ikompli jkollna ekonomija b’saħħitha u xogħol ta’ kwalità. Ser nibqgħu ngħinu lil dawk in-nies li qed irabbu ‘l uliedhom. Iżda dan ma jkunx biżżejjed jekk il-ħaddiem, min qed irabbi, min iħaddem u min jinvesti, ma jkollhomx pajjiż sabiħ u trankwill biex jgħixu u jistrieħu fih. Pajjiż b’biżżejjed spazji miftuħa. Pajjiż b’kampanja sabiħa. Pajjiż bi provvista tal-enerġija stabbli u nadifa. B’baħar sabiħ u nadif. U rħula li joffru trankwillità u serħan il-moħħ, b’komunitajiet b’sahhithom. F’pajjiż li jgħix fil-paċi. Dawn huma r-riżultati li se jkomplu jġeddu l-ħolma ta’ Malta Ħielsa. Il-ħolma ta’ Malta Flimkien. Viva Jum il-Ħelsien. Viva Għawdex u Malta Tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fi tmiem din l-attività, il-Prim Ministru Robert Abela xegħel l-urna fuq il-monument tal-Ħelsien fil-Birgu u mbagħad fil-quċċata ta’ din l-għolja poġġa l-fjura fejn ta ġieħ lil Malta Ħielsa.