Fil-jum tal-Erbgħa Victoria Buttigieg bdiet isservi bħala l-Avukat Ġenerali l-ġdid ta’ pajjiżna.
Buttigieg, li hija l-ewwel mara li qed tassumi din il-kariga għolja, intgħażlet minn Kummissjoni ta’ Ħatra Indipendenti wara sejħa pubblika.
Ma’ dan l-istazzjoni l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis spjega l-proċess indipendenti minn tliet imħalfin irtirati li wassal għall-għażla ta’ Dr Buttigieg bħala Avukat Ġenerali.
Il-Ministru Zammit Lewis spjega: “Huwa proċess verament indipendenti, proċess li daħħal Gvern Laburista fl-2019 li jinħatru tliet imħalfin irtirati li kienu l-Imħallef Michael Mallia, Quintano u l-eks Imħallef Antionio Mizzi illi huma jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Ministru tal-Ġustizzja u hu jgħaddihom lill-Prim Ministru. Wara jkun hemm l-għażla bil-konferma tal-President. L-ewwel darba li ntgħażlet kien hemm rapport tajjeb li għażel lil Dr Victoria, il-PM adotahh b’mod sħiħ u mexa abbażi ta’ dan ir-rapport.”
Il-Ministru Zammit Lewis qal li Victoria Buttigieg hija mara ta’ integrità u li għandha esperjenza biżżejjed biex isservi f’dan l-irwol.
Huwa sostna: “L-ewwel Mara, Vicotria Buttigieg hija mara li mhix ġdida fix-xena serviet fl-uffiċċju tal-AĠ qabel l-emendi qabel dawn ir-riformi, segwiet bħala Avukat tal-Istat, persuna t’esperjenza u se sservi b’mod responsabbli u integru.”
Intant, l-Erbgħa Dr Victoria Buttigieg tat ir-riżenja tagħha minn Avukat tal-Istat.