Mara mill-Estonja ta’ 40 sena tinsab fil-periklu li titlef ħajjitha wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar.
L-inċident seħħ il-Ġimgħa għall-ħabta tal-4:45 ta’ wara nofsinhar f’Telgħet ix-Xemxija.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li karozza tal-għamla Mazda Demio misjuqa minn Ukrena ta’ 32 sena li toqgħod il-Marsa ħabtet ma’ tliet vetturi pparkjati.
Filwaqt li x-xufiera ma soffrietx ġrieħi, il-vittma li toqgħod in-Naxxar u li kienet passieġiera fl-istess karozza kellha tingħata l-għajnuna minn tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Hija ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard hija ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.