Illum, għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa spiżerija li tinsab fi Triq il-Vitorja, Ħal Qormi minħabba li kienet għadha kemm seħħet serqa.
Il-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit marru minnufih fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li raġel mgħammad u liebes hoodie, daħal fl-ispiżerija armat b’arma li taqta’ u bil-ponta u hedded mara li kienet għadha kemm daħlet fl-istess fond, sabiex jisirqilha l-basket li kellha.
Il-ħalliel irnexxielu jaħrab minn fuq il-post bil-basket li kien fih xi flus kontanti. Il-mara li għandha 43 sena sofriet ġrieħi ħfief. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.