Bulgara ta’ 41 sena qed issofri minn ġrieħi gravi wara li ttajret minn karozza f’Ħal Luqa aktar kmieni llum.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-14:45, meta vittma ttajret minn karozza tat-tip Toyota Avensis misjuqa minn raġel ta’ 69 sena minn Birżebbuġa.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-isptar Mater Dei, fejn aktar tard kien ikkonfermat li din qed issofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.