Serba ta’ ħamsin sena ġiet mixlija fil-Qorti li ppreżentat dokumenti foloz ma’ applikazzjoni għal residenza.
Fl-awla, l-imputata ġiet mixlija li għamlet dikjarazzjoni falza mal-awtoritajiet pubbliċi u l-awtoritajiet tal-immigranti, u li għamlet użu minn dokumenti foloz konxjament.
Huwa mifhum li l-arrest tal-mara, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, huwa parti minn investigazzjoni usa’ li qed tixħet dawl fuq organizzazzjonijiet kriminali li qed joħorġu dokumenti foloz.
Inizzjalment, il-mara ġiet arrestata f’Diċembru, wara li ssottomettiet kuntratt tal-kiri falz lil Identità.
Il-Pulizija kienu stabilixxew li d-dokumenti foloz ingħataw lill-mara minn terzi persuni barranin li jgħixu Malta.
Il-mara wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha u nħelset mill-arrest fuq garanzija personali ta’ elfejn ewro, fost kundizzjonijiet oħrajn.