Mara ta’ 46 sena minn Ħal Safi tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’ħabta bejn Renault Captur u Mercedes C300.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija fi Triq Ħal Far.
Il-Mercedes kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 29 sena mill-Fgura, li fiha kien hemm passiġġiera mara ta’ 31 sena minn Santa Venera. Ir-Renault kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 40 sena, minn San Pawl il-Baħar; passiġġiera miegħu kien hemm il-mara u raġel ta’ 47 sena minn Ħal Safi.
ONE News huwa informat li l-mara u r-raġel minn Ħal Safi kienu fi triqithom lejn l-ajruport għall-btala.
Fuq il-post issejjħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
It-tliet persuni li kienu fir-Renault u l-passiġġiera fil-Mercedes ittieħdu l-isptar għal aktar kura.
Ix-xufier tar-Renault, ir-raġel ta’ 47 sena u l-mara ta’ 31 sena ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.