It-Tnejn filgħaxija tmien persuni kienu involuti f’żewġ inċidenti separati ġewwa r-Rabat Għawdex fejn kienu qed isiru tiġrijiet taż-żwiemel fil-ġimgħa tal-festa ċċelebrata f’ġieh San Ġorġ.
Fl-ewwel inċident anzjana ta’ tnejn u sebgħin indarbet wara li allegatament intlaqtet minn żiemel waqt waħda mit-tiġrijiet taż-żwiemel fit-telgħa tar-Rabat lejn it-Tokk.
L-inċident seħħ għal ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija u fir-ritratt li beda jdur fuq il-midja soċjali juri l-mara mitluqa f’nofs ta’ triq, b’żiemel maġenbha. Nuru pic anzjana_ziemel
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara l-isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura.
Hija ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi tant li ftit wara ġiet trasferita fl-isptar Mater Dei għall-iktar kura.
Intant wara l-ewwel inċident, it-tiġrijiet taż-żwiemel komplew għaddejin u ftit inqas minn tliet sigħat wara l-ewwel inċident sfratta żiemel li daħal fuq in-nies.
Hawnhekk indarbu seba’ persuni oħra, fejn erba’ minnhom hu mifhum li sofrew minn xokk filwaqt li l-kundizzjoni medika tat-tliet persuni l-oħra għadha mhix magħrufa.
Wara dan it-tieni inċident, it-tiġrijiet taż-żwiemel waqfu.
Sadanittant ftit tax-xhur ilu, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud kienet iddikjarat li fil-fehma tagħha m’għandhomx jiġu organizzati dawn it-tip ta’ tiġrijiet taż-żwiemel fit-toroq pubbliċi.
“It-tiġrijiet taż-żwiemel posthom fil-korsa tal-Marsa jew tax-Xħajma fir-Rabat Għawdex”, kien qal il-Maġistrat Mifsud, li kien qed jagħti sentenza dwar inċident f’tiġrija taż-żwiemel li saret ukoll fir-Rabat Għawdex, f’ġieħ Santa Marija.
Ritratt: Josephine Borg