Mara ta’ 35 sena, residenti l-Mosta tinsab fil-periklu li titlef ħajjitha wara li sfat milquta minn xarabank dalgħodu għall-ħabta tat-8.15a.m f’Putirjal, il-Belt.
Minn stħarriġ preliminari mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt, li qegħdin jinvestigaw l-inċident, jirriżulta li l-mara intlaqtet minn Xarabank, misjuq minn raġel ta’ 30 sena li joqgħod Wied il-Għajn.
Il-mara, ittieħdet b’ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn sussegwentament ġiet iċċertifikata li tinsab f’qagħda kritika.
Il-Maġistrat tal-Għassa ġie nfurmat bil-każ u ħatar diversi esperti biex jassistuh f’inkjesta maġisterjali.
Fi stqarrija, il-Malta Public Transport qalet li se tkun qed tgħin lill-awtoritajiet kompetenti fl-investigazzjonijiet tagħhom.