Ġuża kellha l-ewwel esperjenza tagħha mal-organizzazzjoni volontarja Hospice Malta aktar minn seba snin ilu, meta binha Robert kien marad serjament.
Hija tiftakar li, f’dak iż-żmien iebes ta’ ħajjitha, tal-Hospice dejjem kienu hemm għalih.
Ġuża qaltilna, “Meta niftakar kemm kienu jħobbuh u jiġu jarawh, għalik tkun xi ħaġa, l-ulied l-iktar ħaġa għażiża li jkollok f’ħajtek.”
Sfortunatament, illum il-ġurnata, Ġuża stess qiegħda fil-bżonn tal-għajnuna tal-Hospice, għax anki hi mardet b’mod serju. Iżda, f’din l-isfida, hi wkoll sabet l-appoġġ mhux biss ta’ familtha imma wkoll tal-Hospice.
Hi stqarret, “Ngħidilhom grazzi minn qalbi ta’ kull ma jagħmlu miegħi. Inħobbhom ħafna ħafna u nixtieq li jarawni ġejja ’l quddiem, imma ma jiddependix minni.”
Ġuża għandha appell wieħed: li bħalma jkunu ġenerużi tal-Hospice mal-pazjenti tagħhom, il-pubbliku jkun ġeneruż mal-Hospice nhar il-Ħadd li ġej, waqt il-maratona għall-ġbir tal-fondi.
Hi stqarret, “Minn qalbi nappellalhom lin-nies biex ikunu ġenerużi għax il-Hospice hija familja kbira. Meta jinqalgħalek il-mard, jien dejjem ngħid, meta ġġarrab iktar tħoss li trid tgħin. Lanqas għandi lsien biex ngħidilhom grazzi ħafna, ħafna, ħafna.”