Cherise Mifsud ta’ 27 sena mill-Belt Valletta tressqet b’arrest quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea akkużata li kkommettiet żewġ serqiet waqt li kienet fuq pleġġ għal reat separat.
Mifsud kienet arrestata b’rabta ma’ żewġ serqiet ta’ flus kontanti minn dar fil-Gżira fil-5 ta’ Settembru u żarbun tad-ditta minn Boutique Hotel erbat ijiem wara.
Mifsud wieġbet li mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha u l-avukat tagħha talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona fejn argumentat li persuni kienu għadhom iridu jixhdu u li Mifsud kienet dipendenti fuq id-droga, bla xogħol u li x’aktarx ikollha tirrikorri għall-kriminalità biex issostni l-vizzju tagħha.
Il-ħelsien mill-arrest ġie miċħud f’dan l-istadju, bil-Qorti tispjega li ma kienx assigurat biżżejjed li Mifsud ma kinitx se twettaq aktar reati, kif ukoll fid-dawl li dan l-aħħar ingħatat il-ħelsien mill-arrest fi proċeduri oħrajn.