Żabbarija ta’ 33 sena kellha tiddaħħal l-Isptar Mater Dei wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku li seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-ħamsa neqsin kwart fi Triq Vjal l-Avjazzjoni f’Ħal Luqa. Il-mara kienet passiġġiera f’karozza tat-tip Vauxhall Insignia tal-lewn iswed misjuqa minn Ħamruniz ta’ sitta u għoxrin sena meta għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettur tiegħu bil-konsegwenza li baqa dieħel ġo centre strip.
Is-sewwieq ma sofra minn ebda ġrieħi madankollu, kellha tissejjaħ ambulanza biex tieħu lill-mara l-isptar għall-kura. Kawża tal-impatt, il-karozza ġarbet ħsarat konsiderevoli.