Mara ta’ 38 sena residenti Raħal Ġdid weġġgħet gravi wara li kienet involuta f’inċident ma’ forklifter fl-Imqabba.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sitta u kwart ta’ filgħaxija fi Triq il-Belt Valletta.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Daihatsu Terios misjuqa mill-vittma, u Forklifter misjuq minn raġel ta’ 31 sena u joqgħod l-Imqabba.
Fid-Daihatsu, kien hemm ukoll tliet passiġġiera, raġel minn Kuba ta’ 21 sena u jgħix l-Imqabba kif ukoll tliet subien ta’ 9, 7 u 4 snin.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu, u ambulanza ħadet il-mara l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa, fejn ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.