Mara ta’ 67 sena iddaħlet l-isptar u 19-il persuna oħra ngħataw kura medika fuq il-post, wara nirien fil-komun ta’ binja appartamenti fi Triq ir-Rebħa, il-Gżira.
Il-Pulizija mhux qed teskludi li n-nar fil-blokka t’appartamenti tqabbad apposta. Dan hekk kif il-pumpiera tal-Protezzjoni Ċivili sabu tliet tyres jaqbdu quddiem wieħed mill-appartamenti tal-ewwel sular.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu ma’ ONE News li ftit tal-ħin qabel, minn dan l-istess appartament instema’ argument jaħraq bejn numru ta’ persuni.
Għalhekk mhux eskluż li persuna tat in-nar lit-tliet tyres bħala tpattija għal xi ħaddieħor f’dan l-appartament.
Ir-raġel li dak il-ħin kien fl-appartament spiċċa jaqbeż minn ġo tieqa sabiex jevakwa l-appartament li kien imtela’ bi dħaħen qawwija.
Minn tfittxijiet li saru wkoll fl-ewwel appartament, il-pulizija sabet ammont ta’ sustanza li hija ssuspettata droga, kif ukoll xi dmija mal-art.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-04:00 ta’ filgħodu u mara ddaħlet l-isptar fejn irriżulta li sofriet minn ġrieħi ħfief.
Fuq il-post marru membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li tfew in-nirien u evakwaw il-blokka minħabba d-dħaħen qawwija li kien hemm.
Fuq il-post issejħu wkoll numru ta’ timijiet mediċi mill-isptar Mater Dei fejn taħt it-tmexxija ta’ Dr Michael Spiteri taw l-ewwel għajnuna lil dsatax-il ruħ li kienu għadhom kif ġew evakwati.
Kawża tal-iskala tal-inċident issejħet ukoll il-vettura tal-Major Incident Support Unit madankollu kulħadd għajr persuna waħda ingħataw il-kura fuq il-post.
Minn naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Dr Chris Fearne fuq tweet irringrazzja lit-tim mediku u lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Neville Camilleri, li qabbad numru ta’ esperti sabiex jassistuh. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għadejjin.
19 patients treated on site for smoke inhalation and 1 other being seen at MDH casualty after Rue D’Argens fire. Well done to our medical and CPD teams. pic.twitter.com/dzm1n02WHG
— Chris Fearne (@chrisfearne) December 24, 2018