Mara ta’ 64 sena tinsab f’kundizzjoni serja wara li ġiet salvata minn nirien li ħakem dar f’Ħal Qormi.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tad-disgħa u kwart ta’ filgħaxija fi Triq l-Aħwa Żammit, Ħal Qormi.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien, kif ukoll tim mediku.
Raġel ta’ 41 sena rnexxielu joħroġ mid-dar waħdu, filwaqt li mara ta’ 64 sena ġiet salvata minn membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura, fejn ġiet iċċertifikata li tinsab f’kundizzjoni serja.
Ir-raġel ma sofra ebda ġrieħi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.