Mara ta’ 66 sena minn San Ġwann tinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sebgħa u kwart tal-bieraħ filgħaxija f’Dawret San Pawl.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn il-mutur, misjuq mill-mara u żewġ karozzi. F’dan l-inċident, il-mutur ħabat ukoll mal-barrikati li hemm fit-triq.
Il-vittma ngħatat l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura.
Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ġie informat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
Ritratt: CMRU