Il-pulizija Ingliża żgumbrat il-bibien ta’ mużew ta’ l-arti f’Londra biex issalva mara li ħasbu li kienet mitlufa minn sensiha fuq mejda – iżda minflok skoprew li kienet statwa magħmula minn materjal li jintuża għall-ippakkjar.
Il-‘mara’ li tidher bla ħajja hija fil-fatt opra tal-arti bl-isem ‘Kristina’, li tinsab għall-wiri bħala parti minn eżebizzjoni. Ix-xogħol ġie kkummissjonat minn Steve Lazarides, l-ex aġent ta’ l-artist Banksy u n-negozjant wara Laz Emporium.
Huwa spjega kif impjegata tal-mużew kienet għadha kif telgħat fuq biex tagħmel kikkra tè. Meta niżlet, sabet il-bieb maqluh miċ-ċappetti u żewġ uffiċjali tal-pulizija konfużi għall-aħħar.
Il-Pulizija Metropolitana ta’ Londra kienu qed iwieġbu għal sejħa dwar “persuna f’diffikultà”, u sfurzaw id-dħul fl-indirizz indikat. Il-‘mara’ hija realistika ħafna, liebsa papoċċ roża u barnuża safra, b’wiċċha fi skutella tas-soppa, u xagħar twil bjond jaħbilha wiċċha.
Din li mhix l-ewwel darba li l-mara, li hija viżibbli mit-tieqa tal-mużew, ħolqot problemi, tant li paramediċi issejħu minn nies ikkonċernati f’Ottubru li għadda.