Mara ta’ 34 sena minn Ħaż-Żebbuġ weħlet sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li fil-Qorti ammettiet li talbet €10,000 lill-eks sieħeb tagħha biex ma tirrapportahx lill-Pulizija li stupraha.
Il-mara ġiet akkużata wkoll li tatu fastidju, li żvelat ritratti u filmati sesswali mingħajr il-kunsens tiegħu, li hedditu u li kkaġunat ħsara fil-propjetà tiegħu.
Intqal li l-mara u l-eks sieħeb tagħha kienu f’relazzjoni għal madwar sena u nofs, li intemmet f’Ottubru li għadda.
Fis-26 ta’ Marzu li għadda hija għamlet rapport fejn allegat li ġiet stuprata minnu. Ir-raġel ċaħad dan u qal li hija avviċinatu. Wara ntqal li hi qaltlu li kellha filmat fejn allegatament stupraha.
Waqt video call, l-akkużata qaltlu li kien jafha €10,000.
Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta wkoll li girfet il-bieb tal-propjetà tiegħu bi kliem dispreġjattiv.
Apparti s-sentenza tal-ħabs, il-Maġistrat Caruana immultata €100, ordnalha tħallas €350 tal-ħsara li kkaġunat lir-raġel f’daru. Inħarġet ukoll ordni ta’ trattament fil-konfront tal-mara biex issegwi kura psikoloġika.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi, filwaqt li d-difiża tmexxiet mill-Avukat Martina Herrera.