Pollakka ta’ tnejn u għoxrin sena li tgħix San Ġiljan sofriet minn ġrieħi gravi wara li ntlaqtet minn oġġett tal-ħġieġ f’wiċċha fi stabbiliment f’San Ġiljan.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ filgħodu hekk kif il-Pulizija kienet infurmata li kien hemm bżonn l-asstistenza tagħha fi Triq San Ġorġ, fejn mara kellha ġrieħi f’wiċċha.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet allegatament aggredita minn persuna li l-identità tagħha għadha mhix marufa, liema persuna ħarbet minn fuq il-post.
Tim mediku ta l-ewwel għajnuna lill-mara, u ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard ġiet iċċertifikata li sofriet minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.