Mara Ingliżi ta’ 60 sena qed isofri ġrieħi gravi wara ħabta bejn tliet vetturi fil-11.30a.m. L-inċident seħħ fi Triq Burmarrad, San Pawl il-Baħar.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn tliet vetturi. Jidher li tnejn mill-vetturi – BMW u Mazda kienu qed jinstaqu fid-direzzjoni lejn il-Mosta meta għal xi raġuni kellhom impatt. Kawża t’hekk, ix-xufier tal-BMW tilef il-kontroll u ħabat ma’ vettura oħra tat-tip Hyundai li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta.
Raġel Ingliż li għandu 67 sena li kien qed isuq il-Hyundai, flimkien maż-żewġ passiġġiera tiegħu – l-mara Ingliża ta’ 60 sena u tifel ta’ 9 xhur ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza. Is-sewwieq flimkien mat-tifel sofrew minn ġrieħi ħfief.
Is-sewwieq tal-BMW li huwa Tork u għandu 50 sena residenti San Pawl il-Baħar u kif ukoll is-sewwieq tal-Mazda – raġel ta’ 26 sena residenti Ħal Qormi ma sofrew l-ebda ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.