Pulizija fl-Awstralja qalu li mara rnexxielha tevita li tingidem minn serp qattiel hekk kif kienet qed issuq b’veloċità ta’ 80 kilometru fis-siegħa fuq il-freeway barra minn Melbourne.
Uffiċjali tal-pulizija rrispondew għal sejħa ta’ għajnuna hekk kif nhar is-Sibt daħlilhom li mara ħafja bdiet tipprova twaqqaf karozzi għaddejin fuq il-Monash Freeway.
Malli waslu fuq il-post il-mara qaltilhom li waqt li kienet qed issuq ħasset xi ħaġa ma sieqha u kif ħarset l-isfel rat serp tigra, wieħed mill-aktar sriep velenużi fid-dinja, tiela’ ma’ riġlejha.
Il-pulizija qalu li kien rimarkabbli li evitat li tingidem mis-serp filwaqt li bdiet tipprova toħroġ mit-traffiku biex qabżet ’l barra mill-karozza. Hija ġiet iċċekkjata mill-paramediċi biex assiguraw li żgur ma kinitx ingidmet.