Mara ta’ tletin sena minn Birkirkara ġiet arrestata mill-Pulizija immedjatament wara li allegatament, wettqet żewġ serqiet – l-ewwel minn ħanut f’Wied il-Għajn u ftit wara minn ħanut fil-Marsa.
Fil-fatt, waqt li l-Pulizija kienet qed tinvestiga serqa li seħħet is-Sibt waranofsinhar fi Triq il-Qaliet f’Wied il-Għajn, ftit sigħat wara daħlet informazzjoni li kienet qed isseħħ serqa f’ħanut tal-logħob fi Triq Ħal Qormi fil-Marsa.
Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post fejn irriżulta li persuna mgħammda, allegatament armata b’sikkina u b’oġġett iebes, daħlet fil-ħanut u talbet il-flus lill-kaxxiera.
Dak il-ħin, persuni li kienu fil-ħanut intervjenew u rnexxielhom iżommu lill-mara, waqt li mumenti wara waslu l-Pulizija u arrestawha.
Il-Pulizija mill-ewwel identifikat lill-mara, li allegatament hija l-istess waħda li ftit sigħat qabel wettqet serqa simili f’Wied il-Għajn.
Is-serqa f’Wied il-Għajn seħħet għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar, meta l-ħalliela allegatament daħlet fil-ħanut armata b’sikkina u talbet il-flus lill-kaxxiera.
Hija ħarbet minn fuq il-post wara li serqet ammont ta’ flus kontanti.
Ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.
Il-mara qed tinżamm mill-Pulizija, waqt li l-investigazzjonijiet fuq iż-żewġ każijiet għadhom għaddejjin.
RITRATT: TVM