Griega ta’ 27 sena ġiet arrestata mal-wasla tagħha fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara sejba ta’ pakketti bi droga li nstabu fil-bagalja tagħha.
Uffiċjali tad-Dwana wettqu spezzjonijiet ta’ passiġġieri li waslu s-Sibt filgħaxija minn titjira li bdiet f’Madrid, Spanja u waslet Malta wara konnessjoni fi Frankfurt, il-Ġermanja.
Minnufih intalbet l-assistenza tal-Pulizija u fi tfittxija fil-bagalja tal-mara instabu pakketti bi 15-il kilo sustanza suspettata ħaxixa tal-cannabis.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Dr Ian Farrugia li ħatar inkjesta.
Aktar tard illum, għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar, il-mara ser tkun qed titressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Dr Abigail Critien.