Portugiża ta’ tnejn u għoxrin sena baqgħet tinżamm arrestata wara li tressqet il-Qorti l-Ħadd filgħodu fuq akkużi li ppruvat timporta d-droga.
It-tfajla ġiet arrestata s-Sibt fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara li allegatament kienet fil-pussess tad-droga eroina.
Hija kienet għadha kemm waslet Malta minn ajruport f’Pariġi, meta daħlet informazzjoni li kienet fil-pussess ta’ xi sustanzi suspettużi.
Meta mistoqsija biex tiftaħ il-bagalja, it-tfajla dehret aġitata u qalet li ma tistax tiftaħ il-katnazz.
Il-Pulizija, assistiti minn uffiċjali tad-Dwana fetħu l-bagalja u f’qiegħ falz instabu aktar minn erba’ kilorgammi eroina f’envelopp bit-tape, b’valur fit-triq ta’ aktar minn nofs miljun ewro.
Viżibbilment emozzjonata, l-imputata, li qalet li taħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà, wieġbet li mhix ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha.
Id-difiża, immexxija mill-avukat tal-għajnuna legali David Bonello, m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa, Nadine Lia.