Mara ta’ 46 sena mill-Ħamrun baqgħat tinżamm arrestata wara li wieġbet mhux ħatja li nifdet sider is-sieħeb tagħha b’sikkina tal-kċina waqt argument.
Fil-Qorti nstema’ kif din ma kinitx l-ewwel darba li l-mara attakkat lis-sieħeb tagħha, hekk kif f’każ ieħor, hija kienet akkużata li dawret ċinturin m’għonqu.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest, hekk kif kien hemm biża’ serja ta’ intralċ ta’ provi.
Intqal ukoll kif hija diġa’ kienet ingħatat il-ħelsien mill-arrest, fejn kienet ordnata biex ma tavviċinax lis-sieħeb tagħha, iżda dawn l-akkużi juru li din ma mxietx mal-ordni tal-Qorti.
Id-difiża sostniet li din l-agressjoni kienet ġejja miż-żewġ naħat u li jekk ma tingħatax il-ħelsien mill-arrest, l-akkużata titlef xogħolha.