Il-membru Parlamentari Ewropew, David Casa, kien l-ewwel wieħed li mar jiġri għand il-Kummissarju Ewropew Margrethe Verstager biex isaqsi dwar l-impjant tal-gass ta’ Dellimara.
F’mistoqsija li għamel f’Ottubru fl-2015 bil-miktub lill-Kummissjoni Ewropea saqsa:
“Fid-dawl tal-bini ppjanat ta’ impjant tal-enerġija f’Malta, il-konsorzju ElectroGas intgħażel bħala ‘l-offerent preferut’ biex jibni l-impjant tal-enerġija u jiżgura l-provvista ta’ gass naturali. Madankollu, aktar tard ġie żvelat li ElectroGas jirċievi garanzija tal-Gvern li tammonta għal madwar EUR 400 miljun.
Fid-dawl tal-fatt li l-għoti ta’ garanzija tal-Gvern tħabbar biss ħafna wara li ntgħażel l-offerent preferut, din l-irregolarità serja, li toħloq piż sproporzjonat u bla bżonn fuq il-pubbliku Malti, tikkostitwixxi diskriminazzjoni fil-konfront ta’ offerenti potenzjali oħra li ma setgħux ikunu jafu bl-għoti ta’ garanzija tal-Gvern? Din ma tivvizzjax il-proċess ta’ offerti? Il-Kummissjoni se tinvestiga jekk din l-irregolarità tiksirx id-dritt tal-UE?”
It-tweġiba lil David Casa, Verstager tatilu din il-ġimgħa quddiem il-kameras wara analiżi dettaljata mill-Kummissjoni Ewropea dwar dan l-impjant u kellha biss kummenti pożittivi dwar l-impjant tal-gass.
“Nammira dan kollu. Nammira t-teknoloġija li hemm fiha u nammira l-ambizzjoni li kien hemm biex jinkisbu benefiċċji ambjentali u prezzijiet orħos. Naħseb li dawn huma importanti għal kull ċittadin,” qalet Verstager.
Iżda l-vuċi negattiva ta’ Simon Busuttil tkompli, hekk kif għażel li quddiem dawn il-kummenti jgħajjar lill-Viċi President tal-Kummisjoni Ewropea responsabbli mill-enerġija Maroš Šefčovič, għax żar l-impjant tal-gass mal-Ministru Konrad Mizzi, wara Šefčovič marru żewġ Kummissarji Ewropej oħra.