Kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Elliot Paul Busuttil, li qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Bulgaru f’Ta’ Qali.
Il-każ seħħ f’Awwissu li għadda meta l-Bulgaru kien instab f’għadira demm b’bosta daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.
F’awla 14 quddiem il-Maġistra Astrid May Grima xehed il-vittma fejn spjega li hu kien miftiehem mal-akkużat biex jixtri speakers mingħandu.
Imbikkem il-vittma qal li Busuttil tela’ miegħu fil-karozza biex imur iġib xi ċavvetta tal-garaxx biex imbagħad ikun jista’ jtih dawn l-ispeakers, iżda l-akkużat beda qisu jaħli l-ħin u jġib ħafna skużi.
Wara ammont ta’ ħin, l-akkużat talab lill-vittma biex imorru lejn ta’ Qali fejn hemmek waqqfu fil-ġenb tat-triq. Il-Bulgaru spjega li xħin niżlu mill-karozza l-akkużat qallu biex imur fejnu u xħin dar ftit ħass l-ewwel daqqa ma’ rasu b’xi ħaġa taqta’.
Fil-Qorti l-vittma qal li ra sikkina kbira li tqatta’ l-laħam biha. Minn hawn l-akkużat allegatamanet baqa’ jtih daqqiet b’din is-sikkina tal-laħam jipprova jivgaw b’idu sa kemm intefa’ mal-art mimli dmija. Hawnhekk spjega li l-akkużat beda jitolbu l-flus.
Dan il-ħin ċempel is-sieħba tal-vittma u qalilha li hemm xi ħadd jipprova joqtlu. Ftit wara l-vittma ġietu ftit saħħa u ċempel in-numru 112.
Fl-aħħar tas-smigħ id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Keith Arnaud oġġezzjonat għal dan.
Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest hekk kif ikkunsidrat li dan huwa każ serju.
L-Avukati Dr Vince Micallef, Dr Jacob Portelli u Dr Stephanie Abela dehru għall-vittma