Wara qabda ta’ 7,400 sigarett tal-kuntrabandu l-Ġimgħa u kif ukoll 4,540 ieħor tul tmiem il-ġimgħa, illum, għall-ħabta tas-2:00 ta’ filgħodu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-Uffiċjali tad-Dwana waqqfu passiġġier ta’ nazzjonalità Russa waqt li kienu qed jiskenjaw il-bagalja. Dan hekk kif fil-bagalja sabulu madwar 19,000 sigarett tal-kuntrabandu.
Il-passiġġier kien għadu kif wasal minn Riga, Latvia.
L-Uffiċjali skenjaw il-bagalja fejn b’mod immedjat innutaw li l-istess bagalja x’aktarx kellha ammont konsidorevoli ta’ sigaretti. Qabel ma fetħu l-bagalja, l-uffiċjali staqsew jekk il-bagalja knitx tiegħu, fejn hu kkonferma. Hekk kif fetħu l-bagalja setgħu jaraw li fiha kien hemm biss sigaretti, madwar 70 pakkett ta’ sigaretti tad-ditta NZ American Blend li kull pakkett fih 200 sigarett u kif ukoll 250 pakkett ta’ sigaretti tal-istess ditta li fihom kien hemm 20 sigarett.
B’total inqabdu madwar 19,000 sigarett.
Il-każ ġie rriferut lill-Pulizija.
Hekk kif sar l-iskenjar tal-bagalji f’Malta fuq żewġ titjiriet separati, bil-ħsieb li jmorru lejn Spanja, l-Uffiċjali tad-Dwana ltaqgħu ma’ żewġ każijiet simili. L-Uffiċju tad-Dwana fi Spanja kienu infurmati b’dan il-każ b’mod immedjat fejn is-sidien tal-bagalji twaqqfu fi Spanja mal-wasla tagħhom.